Delta ta' Okavango
Id-Delta ta' Okavango[1] (jew il-Bur tal-Ħaxix ta' Okavango; li qabel kien spellut "Okovango" jew "Okovanggo") fil-Botswana hija delta interna enormi li ffurmat fejn ix-xmara Okavango tilħaq fondoq tettoniku f'altitudni ta' 930-1,000 metru fil-parti ċentrali tal-baċir endorrejku tal-Kalahari.[2] Hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala waħda mill-ftit sistemi ta' delta interna bi fluss tal-ilma li ma jispiċċax fil-baħar jew f'oċean, u b'sistema ta' artijiet mistagħdra li hija prattikament intatta.[3] L-ilma kollu li jasal fid-delta fl-aħħar mill-aħħar jevapora u jiskula. Kull sena, madwar 11-il kilometru kubu (2.6 mili kubi) ta' ilma jinferxu fuq erja ta' 6,000-15,000 km2 (2,300-5,800 mil kwadru). Xi ilmijiet tal-għargħar jalimentaw il-Lag ta' Ngami.[4] Iż-żona tad-delta xi darba kienet parti mil-Lag ta' Makgadikgadi, lag tal-qedem li fil-biċċa l-kbira kien nixef sal-Oloċen bikri.[5]
Ir-Riżerva tal-Annimali Selvaġġi ta' Moremi tinsab fin-naħa tal-Lvant tad-delta. Id-delta ġiet ikklassifikata bħala wieħed mis-Seba' Għeġubijiet Naturali tal-Afrika, li ġew iddikjarati uffiċjalment fil-11 ta' Frar 2013 f'Arusha, it-Tanzanija.[6] Fit-22 ta' Ġunju 2014, id-Delta ta' Okavango sar l-1,000 Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tniżżel fil-lista.[7]
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Għargħar
[immodifika | immodifika s-sors]L-Okavango tinħoloq mill-għargħar staġonali. Ix-xmara Okavango tnixxi l-ilma tax-xita tas-sajf (Jannar–Frar) mill-artijiet għoljin tal-Angola u dan l-ilma jnixxi għal 1,200 kilometru (750 mil) f'madwar xahar. Imbagħad l-ilmijiet jinfirxu fl-erja ta' 250 kilometru b'150 kilometru (155 mil bi 93 mil) tad-delta fl-erba' xhur ta' wara (Marzu–Ġunju). It-temperatura għolja tad-delta tikkawża l-evaporazzjoni u l-iskular rapidu, li jirriżulta fi tliet ċikli ta' livell tal-ilma li jogħla u jinżel. Dawn iċ-ċikli ma ġewx mifhuma bis-sħiħ qabel il-bidu tas-seklu 20. L-għargħar jilħqu l-qofol tagħhom bejn Ġunju u Awwissu, matul ix-xhur nexfin tax-xitwa tal-Botswana, meta d-delta tintefaħ sa tliet darbiet id-daqs permanenti tagħha, u b'hekk tattira l-annimali minn kilometri bogħod u toħloq waħda mill-ikbar konċentrazzjonijiet ta' organiżmi selvaġġi fl-Afrika.
Id-delta hija ċatta ħafna, b'varjazzjoni ta' inqas minn żewġ metri (7 piedi) bħala għoli tul l-erja ta' 15,000 km2 (5,800 mil kwadru), filwaqt li l-ilma jinżel madwar 60 metru minn Mohembo sa Maun.
Fluss tal-ilma
[immodifika | immodifika s-sors]Laguni
[immodifika | immodifika s-sors]Meta l-livelli tal-ilma jirtiraw b'mod gradwali, l-ilma jibqa' fil-kanali u fil-baċiri ewlenin tax-xmara, f'għadajjar tal-ilma u f'għadd ta' laguni kbar, li mbagħad jattiraw għadd kbir ta' annimali. Qrib uħud minn dawn il-laguni hemm loġoġ u kampijiet tas-safaris turistiċi.
Fost il-laguni l-kbar hemm:
- l-Għadira tal-Ippopotami ta' Dombo (19°11′58″S 23°38′25″E);
- il-Laguna ta' Gcodikwe (19°10′03″S 23°14′24″E);
- il-Laguna ta' Lagoon (18°57′52″S 22°22′41″E);
- il-Laguna ta' Jerejere/l-Għadira tal-Ippopotami ta' Jerejere (19°05′17″S 23°01′12″E);
- il-Laguna ta' Moanachira/il-Gżira taz-Zalzett (19°03′23″S 23°03′44″E);
- il-Laguna ta' Moanachira (19°03′45″S 23°05′24″E);
- il-Laguna ta' Shinde (19°06′18″S 23°09′18″E);
- il-Laguna ta' Xakanaxa (19°10′48″S 23°23′42″E);
- il-Laguna ta' Xhamu (19°10′03″S 23°16′12″E);
- il-Laguna ta' Xhobega (19°10′39″S 23°12′36″E);
- il-Laguna ta' Xugana (19°04′12″S 23°06′00″E);
- il-Laguna ta' Zibadiania (18°34′12″S 23°32′06″E).
Gżejjer tal-melħ
[immodifika | immodifika s-sors]L-agglomerazzjoni tal-melħ madwar l-għeruq tal-pjanti twassal għal irqajja' bojod mingħajr veġetazzjoni fiċ-ċentru ta' bosta eluf ta' gżejjer, li saru melħin wisq biex isostnu l-pjanti, apparti xi siġra tal-palm 'l hemm u 'l hawn li tkun reżistenti għall-melħ. Is-siġar u l-ħaxix jikbru fir-ramel madwar it-truf tal-gżejjer li ma jkunux għadhom saru melħin iżżejjed.
Madwar 70 % tal-gżejjer bdew bħala tumbati tat-termiti fl-art (spiss tal-ispeċijiet Macrotermes), fejn imbagħad xi siġra tinbet fuq it-tumbata tal-ħamrija.
Gżira tal-Kap
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira tal-Kap (19°12′S 22°48′E), l-ikbar gżira fid-delta, ġiet iffurmata minn linja ta' qasma tettonika li olzat erja twila 70 kilometru (43 mil) u wiesgħa 15-il kilometru (9.3 mili). Storikament, kienet riżervata bħala żona tal-kaċċa esklużiva għall-kap, iżda issa hija żona protetta għall-organiżmi selvaġġi. Issa tirrappreżenta l-qofol ta' fejn jgħixu l-biċċa l-kbira tal-organiżmi selvaġġi residenti meta jogħla l-livell tal-ilmijiet.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-veġetazzjoni mifruxa tad-delta mhijiex ir-riżultat ta' klima bix-xita; minflok, hija oażi f'pajjiż aridu. Ix-xita annwali medja tammonta għal 450 millimetru (18-il pulzier) (bejn wieħed u ieħor terz tal-maqbad tal-Angola) u l-biċċa l-kbira tagħha tinżel bejn Diċembru u Marzu bħala maltempati qawwijin spiss waranofsinhar.
Diċembru sa Frar ikunu xhur sħan bix-xita b'temperaturi binhar li jgħolew saħansitra sa 40 °C (104 °F), iljieli sħan, u livelli tal-umdità li jvarjaw bejn 50 % u 80 %. Minn Marzu sa Mejju, it-temperatura tonqos, b'temperatura massima ta' 30 °C (86 °F) binhar u ljieli miti sa bierda. Ix-xita tinxef malajr sax-xhur tax-xitwa niexfa u bierda ta' Ġunju sa Awwissu. It-temperaturi binhar f'dan iż-żmien tas-sena huma miti sa sħan, iżda t-temperatura tinżel ġmielha wara nżul ix-xemx. L-iljieli jistgħu jkunu kesħin fid-delta, b'temperaturi li jkunu ħarira iktar mit-temperaturi tal-iffriżar.
Minn Settembru sa Novembru, il-pressjoni atmosferika u sħana jerġgħu jiżdiedu, kif jasal biex jispiċċa l-istaġun tan-nixfa u jerġa' jibda l-istaġun tax-xita. Ottubru huwa l-iżjed xahar ta' sfida għall-viżitaturi: it-temperatura binhar spiss taqbeż l-40 °C (104 °F) u n-nixfa qajla tiġi interrotta b'xi ħalba xita.
Fawna tad-delta
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta ta' Okavango toffri kenn permanenti u staġonali lil varjetà wiesgħa ta' organiżmi selvaġġi u issa saret attrazzjoni turistika popolar. L-ikbar ħames annimali tas-sit — l-iljun, il-leopard, il-buflu Afrikan, l-iljunfant Afrikan u r-rinoċeront (ir-rinoċeront iswed u r-rinoċeront abjad) — huma preżenti fis-sit.
Speċijiet oħra jinkludu l-ġiraffa, il-wildebeest blu, iż-żebri tal-pjanura, l-ippopotami, l-impala, l-eland komuni, il-kudu l-kbir, diversi għażżiela, il-puku, il-lechwe, il-bhejjem tal-ilma, is-sitatunga, it-tsessebe, iċ-cheetah, il-kelb selvaġġ Afrikan, il-jena tat-tikek, ix-xakall ta' dahru sewda, il-karakall, is-serval, l-aardvark, l-aardwolf, il-volpi b'widnejh bħal tal-friefet il-lejl, il-fenek salvaġġ tas-savanna Afrikana, il-baġer, il-porkuspin, il-ħanżir selvaġġ Afrikan komuni, il-babwin chacma, diversi xadini oħra u l-kukkudrill tan-Nil.
Id-delta tospita wkoll iktar minn 400 speċi ta' għasafar, inkluż il-farawna tal-elmu, l-ajkla Afrikana li tiekol il-ħut, il-kokka ta' Pel, il-wiżż Eġizzjan, il-kuluvert tal-Afrika t'Isfel, jakana Afrikan, ir-Rynchops Afrikan, iċ-ċikonja ta' marabou, il-grawwa tat-toppu, il-paletta Afrikana, il-margun Afrikan, il-Buceros tan-Nofsinhar, il-grawwa tal-għalla, il-farruġ Afrikan, l-ajkla serpentarja, u n-nagħma komuni. L-iprem żoni fejn wieħed jista' jitpaxxa jara l-għasafar huma dawk b'taħlita ta' ħabitats bħall-ilsna tal-art tad-delta, id-delta staġonali u l-partijiet tar-Riżerva tal-Organiżmi Selvaġġi ta' Moremi li jinsabu qrib l-ilma.
Mill-2005, iż-żona protetta tqieset bħala Unità ta' Konservazzjoni tal-Iljuni flimkien mal-Park Nazzjonali ta' Hwange.
Kemm ir-rinoċeront abjad kif ukoll ir-rinoċeront iswed ġew introdotti mill-Proġett tal-Introduzzjoni mill-Ġdid tar-Rinoċeronti tal-Botswana. Fl-1992, ir-rinoċeront iswed kien stmat bħala estint filwaqt li r-rinoċeront abjad kien jammonta biss għal 19-il individwu. Mill-2020 sal-2021 92 rinoċeront inqatlu min-nassaba, u dan wassal biex il-gvern tal-Botswana jordna li r-rinoċeronti kollha jiġu ttrasferiti mid-Delta ta' Okavango. Fl-2019 ġie stmat li kien għad fadal 400 rinoċeront fil-Botswana. Minnhom, il-popolazzjoni tħalliet fir-reġjun tad-delta u kienet tammonta għal 40 individwu biss.
L-iżjed mammiferu kbir abbundanti huwa l-lechwe, li huwa stmat li jammonta għal madwar 88,000 individwu. Il-lechwe huwa ftit ikbar mill-impala, b'qawqbiet imtawlin u sustanza ripellenti għall-ilma fuq saqajha li jippermettulu jiċċaqlaq malajr f'ilma li jlaħħaq tal-irkoppa. Il-lechwe jirgħa fuq il-pjanti akkwatiċi u, bħall-bhejjem tal-ilma, ifittxu l-kenn fl-ilma meta jiġu mhedda mill-predaturi. L-individwi maskili biss ikollhom qrun.
Ħut
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta ta' Okavango jospita 71 speċi ta' ħut, inkluż l-inwesh (Hydrocynus vittatus), speċijiet ta' tilapja, u diversi speċijiet ta' pixxigatt. Id-daqsijiet tal-ħut ivarjaw mill-1.4 metru (4.6 pied) tal-pixxigatt Afrikan għat-3.2 ċentimetru (1.3 pulzier) tal-barbu Afrikan. L-istess speċijiet jinstabu fix-xmara Zambezi, li jindika rabta storika bejn iż-żewġ sistemi ta' xmajjar.
Flora tad-delta
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Delta ta' Okavango tospita 1,068 pjanta ta' 134 familja u 530 ġeneru. Hemm ħames komunitajiet ta' pjanti importanti fl-imraġ perenni: Papyrus cyperus fl-ilmijiet fondi, Miscanthus fl-ilmijiet baxxi, u Phragmites australis, Typha capensis u Pycreus fis-siti nofsana b'ilmijiet medji. L-ispeċijiet dominanti fl-imraġ, li normalment jinsabu fl-imraġ perenni, huma estiżi wkoll fiż-żoni li jiġu mgħerrqa b'mod staġonali. Il-qasab tal-Papyrus cyperus jikbru l-iktar fl-ilmijiet baxxi sal-ilmijiet medji u huma prominenti fil-ġnub tal-kanali. Fuq il-gżejjer u fit-truf tal-artijiet prinċipali 'l fuq mill-bwar tal-ħaxix jgħixu komunitajiet differenti ta' flora. Dawn l-ispeċijiet jinstabu skont il-preferenza tal-ilma tagħhom: pereżempju l-Philenoptera violacea tirrikjedi ftit ilma, u għaldaqstant tinstab fl-ogħla elevazzjonijiet fl-imraġ perenni, u hija komuni fuq il-gżejjer tal-imraġ iktar nexfin u staġonali. Is-siġar huma ristretti għal fuq il-gżejjer fi ħdan l-imraġ perenni u huma taħlita ta' siġar tal-palm (Hyphaene petersiana) u l-akaċja.
L-art prinċipali fid-delta hija kkaratterizzata minn mużajk ta' komunitajiet tal-bwar tal-ħaxix u tal-boskijiet, magħmula minn siġar, arbuxxelli u ħxejjex aromatiċi tal-qiegħ; bażikament il-veġetazzjoni hija ferm iktar niexfa mill-imraġ. Vachellia (l-akaċja), Boscia, Combretum u Terminalia huma wħud mill-ġeneri prinċipali li jiffurmaw il-maġġoranza tal-pjanti fi ħdan id-Delta ta' Okavango. Il-fenomenu naturali tal-għargħar annwali fl-istaġun tan-nixfa u l-istaġun tax-xita li jalterna miegħu jwasslu għad-diversità ferm għolja ta' pjanti fi ħdan id-delta.
Il-pjanti tad-delta jaqdu rwol importanti biex jipprovdu koeżjoni għar-ramel. Ix-xtut ta' xmara normalment ikollhom kontenut kbir ta' tajn, u dan flimkien mar-ramel iddepożitat fix-xmara kontinwament isaħħaħ ix-xtut tax-xmara. Id-depożiti tax-xmara fid-delta jikkonsistu kważi kompletament mir-ramel, minħabba l-ilmijiet nodfa tax-xmara Okavango ma tantx fihom tajn. Il-pjanti jżommu r-ramel qishom kolla u jagħmlu tajjeb għan-nuqqas ta' tajn, u għaldaqstant jinħolqu gżejjer oħra fejn jistgħu jinbtu l-għeruq tal-pjanti.
Dan il-proċess mhuwiex importanti fil-formazzjoni ta' gżejjer lineari. Dawn ikunu twal u rqaq u spiss ikollhom lilwa li timxi mal-lilwa ġentili tax-xmara, peress li fil-fatt huma x-xtut naturali ta' kanali antiki tax-xmara li jiġu imblukkati mit-tkabbir tal-pjanti u mid-depożiti tar-ramel, u b'hekk ix-xmara tibdel il-fluss tagħha u x-xtut antiki tax-xmara jsiru gżejjer. Minħabba kemm hi ċatta d-delta u t-tunnellaġġ kbir ta' ramel iddepożitat fiha mix-xmara Okavango, il-qiegħ tad-delta bil-mod il-mod qed jgħola b'mod kostanti. Fejn hemm il-kanali llum il-ġurnata, għada pitgħada se jkun hemm gżejjer u mbagħad kanali ġodda jaf jgħerqu l-gżejjer eżistenti.
Popli
[immodifika | immodifika s-sors]Il-popli tad-Delta ta' Okavango jikkonsistu f'ħames gruppi etniċi, kull wieħed bl-identità etnika u l-lingwa tiegħu stess. Dawn huma l-Hambukushu (magħrufa wkoll bħala Mbukushu, Bukushu, Bukusu, Mabukuschu, Ghuva, Haghuva), id-Dceriku (Dxeriku, Diriku, Gciriku, Gceriku, Giriku, Niriku), il-Wayeyi (Bayei, Bayeyi, Yei), il-Bugakhwe (Kxoe, Khwe, Kwengo, Barakwena, Ganda) u l-||anikhwe (Gxanekwe, //tanekwe, G//ani, //ani, Xanekwe). Il-Hambukushu, id-Dceriku, u l-Wayeyi tradizzjonalment involvew ruħhom f'ekonomiji mħallta tal-agrikoltura tal-millieġ/tas-sorgu, tas-sajd, tal-kaċċa, tal-ġbir tal-pjanti selvaġġi għall-ikel, u tal-pastoraliżmu.
Il-Bugakhwe u l-||anikwhe jgħixu fl-arbuxxelli u fil-veġetazzjoni, u tradizzjonalment ipprattikaw is-sajd, il-kaċċa u l-ġbir tal-pjanti selvaġġi għall-ikel; il-Bugakhwe użaw riżorsi tal-foresti kif ukoll riżorsi tax-xmara, filwaqt li l-||anikhwe ffukaw l-iktar fuq riżorsi tax-xmara. Il-Hambukushu, id-Dceriku, u l-Bugakhwe huma preżenti tul ix-xmara Okavango fl-Angola u fl-Istrixxa ta' Caprivi tan-Namibja, u għadd kbir ta' Hambukushu u ta' Bugakhwe jinsabu fiż-Żambja wkoll. Fi ħdan id-Delta ta' Okavango, qisu matul dawn l-aħħar 150 sena, il-Hambukushu, id-Dceriku, u l-Bugakhwe għexu fl-ilsna tax-xmara u l-Magwegqana għexu fil-Grigal tad-delta. Il-||anikhwe għexu fl-ilsna tax-xmara u ż-żona tul ix-xmara Boro sad-delta, kif ukoll iż-żona tul ix-xmara Boteti.
Il-Wayeyi għexu fiż-żona madwar Seronga kif ukoll fin-Nofsinhar tad-delta madwar Maun, u ftit Wayeyi jgħixu fl-art anċestrali putattiva tagħhom fl-Istrixxa ta' Caprivi. F'dawn l-aħħar 20 sena bosta nies minn madwar id-Delta ta' Okavango marru jgħixu f'Maun; fl-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20 u fil-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20 iktar minn 4,000 refuġjat Hambukushu mill-Angola insedjaw iż-żona madwar Etsha fin-naħa tal-Punent tal-ilsna tad-delta.
Id-Delta ta' Okavango ilha taħt il-kontroll politiku tal-Batawana (nazzjon tat-Tswana) mill-aħħar tas-seklu 18. Immexxija mill-familja ta' Mathiba I, il-mexxej ta' fergħa tal-Bangwato, il-Batawana stabbilew kontroll sħiħ fuq id-delta fis-snin 50 tas-seklu 19 meta sploda l-kummerċ reġjonali tal-avorju. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-Batawana, tradizzjonalment għexu fit-truf tad-delta, minħabba t-theddida tad-dubbiena tsetse (Glossina morsitans) għall-bhejjem tagħhome. Matul pawża ta' xi 40 sena, id-dubbiena tsetse battiet u l-biċċa l-kbira tal-Batawana marru jgħixu fl-imraġ mill-1896 sal-aħħar tas-snin 30 tas-seklu 20. Minn dak iż-żmien 'l hawn, it-tarf tad-delta kulma jmur saret iffullata b'popolazzjonijiet dejjem jikbru ta' bnedmin u ta' bhejjem.
Molapos (nixxigħat tal-ilma)
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-istaġun tal-għargħar, l-ilmijiet fl-iktar partijiet baxxi tad-delta, qrib il-bażi, jirtiraw, u jħallu warajhom indewwa fil-ħamrija. Din l-indewwa residwa tintuża għat-tisqija tal-għalf u ta' għelejjel oħra li jitkattar biha. Din l-art lokalment hija magħrufa bħala molapo.
Bejn l-1974 u l-1978, l-għargħar kienu iktar intensivi mis-soltu u l-kultivazzjoni tal-għelejjl wara l-irtirar tal-għargħar ma kinitx possibbli; għaldaqstant kien hemm skarsezzi kbar tal-ikel u tal-għalf. B'rispons għal dan inbeda l-Proġett tal-Iżvilupp tal-Molapos. Dan ipproteġa ż-żoni tal-molapos b'metodi ta' kontroll tal-għargħar sabiex jiġu evitati l-għargħar kbar. Dawn is-sistemi ta' kontroll tal-għargħar ikollhom imgħalaq apposta biex l-ilma maħżun ikun jista' jiġi rrilaxxat u b'hekk tkun tista' tibda l-kultivazzjoni tal-għelejjel wara l-irtirar tal-għargħar.
Theddidiet possibbli
[immodifika | immodifika s-sors]Theddida possibbli hija l-esplorazzjoni għaż-żejt mill-kumpanija Kanadiża ReconAfrica. L-esplorazzjoni inizjali f'April 2021 żvelat depożiti taż-żejt fil-blat sedimentarju. L-ambjentalisti huma mħassba li l-proġett se jkollu impatt ekoloġiku negattiv u li wħud mill-korpi prinċipali tal-ilma jistgħu jiġu mhedda. ReconAfrica ddikjarat: "Mhux se jkun hemm l-ebda ħsara fuq l-ekosistema mill-attivitajiet ippjanati".
Il-gvern tan-Namibja ppreżenta pjanijiet biex jinbena impjant idroelettriku fir-Reġjun taz-Zambezi, li jirregola l-fluss tax-xmara Okavango sa ċertu punt. Filwaqt li l-proponenti jsostnu li l-effett ikunu minimu, l-ambjentalisti jargumentaw li dan il-proġett jista' jeqred il-biċċa l-kbira tal-ħajja rikka tal-annimali u tal-pjanti fid-delta. Theddidiet oħra jinkludu l-attivitajiet umani lokali u l-estrazzjoni reġjonali tal-ilma kemm fl-Angola kif ukoll fin-Namibja.
Ir-reġista u l-konservazzjonista tal-Afrika t'Isfel Rick Lomba wissa fis-snin 80 tas-seklu 20 dwar it-theddida tal-invażjoni tal-bhejjem fiż-żona. Id-dokumentarju tiegħu The End of Eden ħareġ fid-dieher il-pressjoni li ried jagħmel f'isem id-delta.
Il-maqbad tal-ilma tax-xmara Okavango huwa pprojettat li se jesperjenza tnaqqis annwali fl-ammont ta' xita kif ukoll żieda fit-temperatura minħabba t-tisħin globali. L-effetti tat-tisħin globali x'aktarx li se jirriżultaw fi tnaqqis fil-livell ta' għargħar fid-Delta ta' Okavango, u se jkollhom impatti sinifikanti fuq id-disponibbiltà tal-ilma kif ukoll fuq l-attivitajiet tat-trobbija tal-bhejjem u tal-agrikoltura fir-reġjun.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Ross, Karen (1987). Okavango, jewel of the Kalahari. Londra: BBC Books. ISBN 0-563-20545-8.
- ^ "Ramsar Information Sheet" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-08-31. Miġbur 2023-12-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Twenty six new properties added to World Heritage List at Doha meeting". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-01.
- ^ "Greatest Places: Notes: Okavango". web.archive.org. 2008-01-16. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-01-16. Miġbur 2023-12-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ McCarthy, T. S. (1993). "The great inland deltas of Africa". Journal of African Earth Sciences. 17 (3): 275–291.
- ^ "Seven Natural Wonders of Africa". web.archive.org. 2015-12-21. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-12-21. Miġbur 2023-12-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Okavango Delta". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-12-01.