Aqbeż għall-kontentut

Lorenzo de' Medici

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Lorenzo de' Medici
Ħajja
Twelid Firenze, 1 Jannar 1449
Nazzjonalità Repubblika ta' Firenze
Residenza Palazzo Medici Riccardi (en) Translate
Mewt Careggi (en) Translateu Firenze, 8 April 1492
Post tad-dfin kappelli tal-familja Medici
Familja
Missier Piero di Cosimo de' Medici
Omm Lucrezia Tornabuoni
Konjuga/i Clarice Orsini (mul) Translate  (4 Ġunju 1469, 20 Diċembru 1469 (Gregorian) -  30 Lulju 1487)
Koppja/i Lucrezia Donati (en) Translate
Ulied
Aħwa
Tribù Familja Medici
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema John Argyropoulos (en) Translate
Marsilio Ficino (mul) Translate
Gentile de' Becchi (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni politiku
kittieb
poeta
bankier

Lorenzo di Piero de' Medici ([loˈrɛntso deˈ mɛːditʃi]; twieled fl-1 ta’ Jannar 1449 – miet fit-8 ta’ April 1492)[1] kien statista Taljan, bankier, mexxej de facto tar-Repubblika ta’ Firenze u l-iktar patrun setgħan u entużjast tal-kultura Rinaxximentali fl-Italja.[2][3][4] Huwa kien magħruf ukoll bħala Lorenzo il-Manjifiku (bit-Taljan: Lorenzo il Magnifico [loˈrɛntso il maɲˈɲiːfiko]) mill-kontemporanji tiegħu minn Firenze, u kien għani, diplomatiku, politiku u patrun tal-istudjużi, l-artisti u l-poeti. Bħala patrun, huwa magħruf l-iktar talli sponsorja artisti bħal Botticelli u Michelangelo. Huwa rnexxielu jikseb bilanċ fil-poter fi ħdan il-Lega Taljana, alleanza ta’ stati li stabbilizzaw il-kundizzjonijiet politiċi fil-peniżola Taljana għal deċennji, u ħajtu inzertat mal-fażi matura tar-Rinaxximent Taljan u l-Epoka tad-Deheb ta’ Firenze.[5] Mil-lat tal-politika barranija, Lorenzo wera li kellu pjan ċar li jmur kontra l-ambizzjonijiet territorjali tal-Papa Sestu IV, f’ġieħ il-bilanċ tal-Lega Taljana tal-1454. Għal dawn ir-raġunijiet, Lorenzo kien fil-mira tal-konfoffa tal-familja Pazzi tal-1478, fejn ħuh Giuliano de' Medici nqatel. Il-Paċi ta’ Lodi tal-1454 li kienet għenet biex tinżamm il-paċi fost id-diversi stati Taljani sfaxxat ma’ mewtu. Huwa ġie midfun fil-Kappella tal-familja Medici f’Firenze.

Il-pittura Madonna del Magnificat ta’ Botticelli turi lil Lucrezia Tornabuoni bħala l-Madonna mdawra bit-tfal tagħha, b’Lorenzo jżomm il-linka f’idu.

In-nannu ta’ Lorenzo, Cosimo de' Medici, kien l-ewwel membru tal-familja Medici fit-tmun tar-Repubblika ta’ Firenze u mexxa l-Bank tal-familja Medici simultanjament. Bħala wieħed mill-iktar irġiel għonja fl-Ewropa, Cosimo nefaq parti kbira ħafna ta’ ġidu fuq il-governanza u l-filantropija, pereżempju bħala patrun tal-arti u finanzjatur tax-xogħlijiet pubbliċi.[6] Missier Lorenzo, Piero di Cosimo de' Medici, l-istess bħal missieru, kien fil-qalba tal-ħajja ċivika ta’ Firenze, l-iktar bħala patrun u kollezzjonista tal-arti, filwaqt li z-ziju ta’ Lorenzo, Giovanni di Cosimo de' Medici, ħa ħsieb l-interessi kummerċjali tal-familja. Omm Lorenzo, Lucrezia Tornabuoni, kienet kittieba tas-sunetti u ħabiba ta’ poeti u filosfi tal-Akkademja tal-familja Medici.[7] Hija saret il-konsulent ta’ binha wara li missieru u zijuh mietu.[6]

Lorenzo, ikkunsidrat bħala l-iktar wild promettenti mill-ħamest itfal ta’ Piero u Lucrezia, ġie mgħallem minn Gentile de' Becchi, diplomatiku u isqof, u mill-filosfu umanista Marsilio Ficino[8], u ġie mħarreġ fil-Grieg minn John Argyropoulos.[9] Flimkien ma’ ħuh Giuliano, huwa pparteċipa fl-issarar bil-lanza minn fuq iż-żwiemel, fil-falkunerija, fil-kaċċa, u fit-tnissil taż-żwiemel għall-Palio, tiġrija tradizzjonali taż-żwiemel fi Siena. Fl-1469, meta kellu 20 sena, Lorenzo rebaħ l-ewwel premju f’tornew tal-issarar bil-lanza fuq iż-żwiemel li kien sponsorjat mill-familja Medici. Dan l-issarar bil-lanza fuq iż-żwiemel kien is-suġġett ta’ poeżija ta’ Luigi Pulci.[10] Niccolò Machiavelli kiteb ukoll dwar l-okkażjoni, x’aktarx b’mod sarkastiku, li Lorenzo kien rebaħ “mhux għax ġie vvantaġġat, iżda bil-qlubija u bil-ħila tiegħu f’dirgħajh”.[11] Huwa kellu pavaljun impitter minn Verrocchio, u ż-żiemel tiegħu kien jismu Morello di Vento.[12][13]

L-Adorazzjoni tal-Maġi tinkludi diversi ġenerazzjonijiet tal-familja Medici. Fuq ix-xellug jidher Lorenzo, biż-żiemel tiegħu, qabel ma telaq lejn Milan fuq missjoni diplomatika.

Piero bagħat lil Lorenzo għal diversi missjonijiet diplomatiċi importanti meta kien għadu żagħżugħ, fosthom vjaġġi lejn Ruma biex jiltaqa’ mal-Papa u ma’ persuni reliġjużi u politiċi importanti oħra.[14]

Lorenzo ġie deskritt bħala xi ħadd b’bixra pjuttost sempliċi u b’tul medju, miftuħ u b’riġlejn qosra, b’xagħar u għajnejn skuri, imnieħru mfattar, ma jarax mill-bogħod u b’leħen aħrax. Giuliano, min-naħa l-oħra, kien meqjus gustuż u popolari bħala mudell, tant li ntuża bħala mudell minn Botticelli fil-pittura tiegħu ta’ Marte u Venere.[15] Anke Niccolò Valori, ħabib qarib ta’ Lorenzo, iddeskrivieh bħala sempliċi u mintagħna, u stqarr li “n-natura ma kinitx ħanina miegħu fir-rigward ta’ bixirtu, għalkemm pattietlu f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ moħħu. Bixirtu kienet skura, u għalkemm wiċċu ma kienx gustuż, tant kien mimli dinjità li kien iqanqal ir-rispett.”.[16]

Lorenzo, li kien trawwem biex ikollu r-riedni tal-poter f’idejh, ta’ 20 sena diġà kellu rwol ta’ mexxej fl-istat malli miet missieru fl-1469. Wara li diġà kienu nxtorbu mill-proġetti ta’ bini ta’ nannuh u mit-taqlibiet u l-gwerer kostanti, mill-ġestjoni ħażina u mill-ispejjeż politiċi, l-assi tal-Bank tal-familja Medici ma baqgħux li kienu tul ħajjet Lorenzo.[17]

Lorenzo de' Medici, bħal nannuh, missieru u ibnu, mexxa lil Firenze indirettament permezz ta’ individwi li kienu jaġixxu f’ismu fil-kunsilli tal-belt, permezz ta’ ħlasijiet u żwiġijiet strateġiċi.[18][19] Il-familji rivali ta’ Firenze inevitabbilment ma kinux kuntenti bid-dominanza tal-familja Medici, u l-għedewwa tal-familja Mediċi baqgħu fattur tal-ħajja f’Firenze ferm wara l-mewt ta’ Lorenzo. L-iktar familja rivali notevoli kienet il-familja Pazzi, li kważi temmet ir-renju ta’ Lorenzo.[20]

Bust tat-terrakotta ta’ Lorenzo de' Medici, magħmul minn Verrocchio fis-seklu 15

Nhar il-Ħadd, is-26 ta’ April 1478, f’avveniment magħruf bħala l-konfoffa tal-familja Pazzi, grupp immexxi minn Girolamo Riario, Francesco de' Pazzi, u Francesco Salviati (l-Arċisqof ta’ Pisa), attakka lil Lorenzo u lil ħuh Giuliano li kien qed imexxi miegħu fil-Katidral ta’ Santa Maria del Fiore f’tentattiv biex jaħtfu l-kontroll tal-governanza ta’ Firenze.[21] B’mod xokkanti, Salviati aġixxa bil-barka tal-patrun tiegħu l-Papa Sestu IV. Giuliano nqatel, b’daqqiet brutali ta’ sikkina, iżda Lorenzo rnexxielu jeħlisha ħafif b’ġerħa żgħira f’għonqu, wara li ġie difiż mill-poeta Poliziano.[22] L-aħbar tal-konfoffa nfirxet ma’ Firenze kollha, u nqerdet għalkollox mill-popolin b’miżuri ħorox bħall-illinċjar tal-Arċisqof ta’ Pisa u tal-membri tal-familja Pazzi li kienu involuti fil-konfoffa.[20]

Wara l-konfoffa tal-familja Pazzi u l-ikkastigar tal-Papa Sestu IV, il-familja Medici u Firenze qanqlu l-korla tas-Santa Sede, li ssekwestrat l-assi kollha tal-familja Medici li l-Papa Sestu IV seta’ jissekwestra, skumnikat lil Lorenzo u l-gvern kollu ta’ Firenze, u fl-aħħar mill-aħħar imponiet l-interdett għall-belt u għall-istat ta’ Firenze.[23] Kif induna li dawn l-azzjonijiet ma tantx kellhom effett, il-Papa Sestu IV ifforma alleanza militari mar-Re Ferdinandu I ta’ Napli, u ibnu Alfonso, id-Duka ta’ Calabria, mexxa invażjoni fir-Repubblika ta’ Firenze, li kienet għadha mmexxija minn Lorenzo.[24]

Lorenzo ġabar ġemgħa ċittadini. Madankollu, bi ftit appoġġ mill-alleati tradizzjonali tal-familja Medici f’Bologna u f’Milan[20], il-gwerra damet għaddejja, u kien biss bis-saħħa tad-diplomazija ta’ Lorenzo, li vvjaġġa personalment lejn Napli u sar priġunier tar-re għal diversi xhur, li l-kriżi ssolviet. Dak is-suċċess ippermetta lil Lorenzo jikseb bidliet kostituzzjonali fi ħdan il-gvern tar-Repubblika ta’ Firenze li komplew isaħħu l-poter tiegħu.[18]

Minn dak iż-żmien ’il quddiem, Lorenzo, bħal nannuh Cosimo de' Medici, fittex li jikseb politika ta’ żamma tal-paċi, u li jibbilanċja l-poter bejn l-istati tat-Tramuntana tal-Italja u jara li l-istati Ewropej maġġuri bħal Franza u l-Imperu Ruman Sagru jibqgħu ’l barra mill-Italja. Lorenzo rnexxielu jżomm relazzjonijiet tajbin mas-Sultan Mehmed II tal-Imperu Ottoman, peress li l-kummerċ marittimu ta’ Firenze mal-Ottomani kien sors ewlieni ta’ ġid għall-familja Medici.[25]

L-isforzi li jinkiseb dħul mill-estrazzjoni tal-allumi fit-Toskana sfortunatament għarrqet ir-reputazzjoni ta’ Lorenzo de' Medici. L-allumi kien ġie skopert miċ-ċittadini lokali ta’ Volterra, li kienu fittxew l-appoġġ ta’ Firenze biex jisfruttaw din ir-riżorsa naturali importanti. L-allumi kien materja prima importanti għall-industriji tal-produzzjoni tal-ħġieġ, tal-konzeriji u tat-tessuti, u kien disponibbli minn ftit sorsi biss li kienu taħt il-kontroll tal-Ottomani u ġew monopolizzati minn Genova qabel ma ġew skoperti sorsi tal-allumi f’Tolfa, l-Italja. L-ewwel il-Kurja Rumana fl-1462, u mbagħad Lorenzo u l-Bank tal-familja Medici inqas minn sena wara, involvew ruħhom sabiex jappoġġaw l-estrazzjoni. Il-Papa kien jieħu kummissjoni ta’ żewġ dukati għal kull qantar ta’ allumi li jiġi estratt. Barra minn hekk, ġie żgurat monopolju kontra l-oġġetti li kienu joriġinaw mit-Turkija billi ġie pprojbit il-kummerċ tal-allumi mal-pagani.[26] Meta rrealizzaw x’kien il-valur tal-minjiera tal-allumi, iċ-ċittadini ta’ Volterra riedu li d-dħul li kien ġej minnha jmur fil-fondi muniċipali tagħhom u mhux fil-bwiet tal-entitajiet ta’ Firenze li kienu qed jagħtu l-appoġġ tagħhom. B’hekk faqqgħet insurrezzjoni u seċessjoni minn Firenze, fejn ġew iġġustizzjati diversi ċittadini li kienu qed jopponuhom. Lorenzo bagħat xi merċenarji biex itemmu l-irvell bil-forza, u dawn serqu li setgħu mill-belt. Lorenzo ħaffef biex imur Volterra u jagħmel tajjeb għal dak li kien ġara, iżda xorta waħda dan l-avveniment baqa’ tebgħa kerha għar-reputazzjoni tiegħu.[27][28]

L-Anġlu li jidher lil Żakkarija fil-Kappella ta’ Tornabuoni f’Firenze fiha r-ritratti ta’ membri tal-Akkademja tal-familja Medici: Marsilio Ficino, Cristoforo Landino, Agnolo Poliziano u Demetrios Chalkokondyles jew Gentile de' Becchi.

Lorenzo ta l-patroċinju tiegħu lil artisti bħal Piero u Antonio del Pollaiuolo, Andrea del Verrocchio, Leonardo da Vinci, Sandro Botticelli, Domenico Ghirlandaio u Michelangelo Buonarroti, li kienu strumentali għall-kisba tar-Rinaxximent tas-seklu 15. Għalkemm Lorenzo ma tantx ikkummissjona bosta xogħlijiet hu stess, huwa għen lil dawn l-artisti jiżguraw kummissjonijiet minn patruni oħra. Michelangelo għex ma’ Lorenzo u mal-familja tiegħu għal tliet snin, u kien jiekol magħhom u jipparteċipa fid-diskussjonijiet immexxija minn Marsilio Ficino.

Lorenzo kien artist u kiteb xi poeżiji bit-Toskan li kien ilsien twelidu. Fil-poeżiji tiegħu, huwa jiċċelebra l-ħajja filwaqt li jirrikonoxxi b’melankonija l-fraġilità u l-instabbiltà tal-kundizzjoni umana, b’mod partikolari fl-aħħar xogħlijiet tiegħu. L-imħabba, il-festini u d-dawl jiddominaw il-versi tiegħu.[29]

Cosimo kien beda l-kollezzjoni ta’ kotba li saru l-Librerija tal-familja Medici

Lorenzo de' Medici ta’ Pieter Paul Rubens (1612-1616), il-Mużew ta’ Plantin-Moretus, Antwerp

(imsejħa wkoll il-Librerija Lawrenzjana), u Lorenzo espandiha. L-aġenti ta’ Lorenzo ġabu magħhom għadd kbir ta’ xogħlijiet klassiċi mil-Lvant, u qabbad studjo kbir ta’ dak iż-żmien biex jikkupjaw il-kotba tiegħu u jxerrdu l-kontenut tagħhom fl-Ewropa kollha. Huwa appoġġa l-iżvilupp tal-umaniżmu permezz tal-grupp ta’ ħbieb tiegħu ta’ żmien l-istudji tiegħu, fosthom il-filosfi Marsilio Ficino, Poliziano u Giovanni Pico della Mirandola. Huma studjaw il-filosfi Griegi u ppruvaw jagħmlu fużjoni tal-ideat ta’ Platun mal-Kristjaneżmu.[30]

Apparti għal interess personali, Lorenzo kien juża l-ħiliet tal-artisti ta’ Firenze għall-isforzi diplomatiċi tiegħu. Eżempju ta’ dan jinkludu l-kummissjoni ta’ Ghirlandaio, Botticelli, Pietro Perugino u Cosimo Rosselli minn Ruma biex ipittru l-affreski fil-Kappella Sistina, mossa li ġiet interpretata bħala l-issiġillar ta’ alleanza bejn Lorenzo u l-Papa Sestu IV.[30]

Fl-1471, Lorenzo kkalkula li l-familja tiegħu kienet nefqet xi 663,000 fjorin (madwar €383 miljun illum) għall-karità, għall-binjiet u għat-taxxi mill-1434. Huwa kiteb:

“Ma jiddispjaċini xejn għaliex għalkemm bosta x’aktarx li jqisu li aħjar għandhom parti minn dik is-somma f’buthom, jiena nqis li kienu unur kbir lill-istat tagħna, u naħseb li l-flus intefqu tajjeb u sodisfatt ferm”.[31]

Żwieġ u tfal

[immodifika | immodifika s-sors]
Clarice Orsini ta’ Domenico Ghirlandaio

Lorenzo żżewweġ lil Clarice Orsini bi prokura fis-7 ta’ Frar 1469. Iż-żwieġ wiċċ imb wiċċ seħħ f’Firenze fl-4 ta’ Ġunju 1469. Hi kienet it-tifla ta’ Giacomo Orsini, Sinjur ta’ Monterotondo u ta’ Bracciano bis-saħħa ta’ martu u kuġinuh Maddalena Orsini. Clarice u Lorenzo kellhom għaxart itfal, li kollha ħlief Contessina Antonia twieldu f’Firenze:

Lorenzo adotta lin-neputi tiegħu Giulio di Giuliano de' Medici (1478-1534), l-iben illeġittimu ta’ ħuh Giuliano li kien inqatel. Fl-1523, wara li mexxa lil Firenze għal erba’ snin, Giulio sar il-Papa Klementi VII.[34]

Detall tal-Konferma tal-Ordni Franġiskana ta’ Domenico Ghirlandaio mill-affreski fil-Kappella Sassetti. Telgħin it-taraġ fuq quddiem hemm l-għalliem ta’ ulied Lorenzo, Angelo Poliziano, u t-tliet it-tfal subien ta’ Lorenzo, Giuliano, Piero u Giovanni, u warajhom żewġ membri tal-Akkademja Umanista.

L-aħħar snin ta’ ħajtu, mewtu, u l-legat

[immodifika | immodifika s-sors]
Sacra rappresentazione dei santi Giovanni e Paolo (Rappreżentazzjoni sagra ta’ San Ġwann u San Pawl), xogħol Lorenzo fl-aħħar snin ta’ ħajtu

Matul it-tmexxija ta’ Lorenzo, diversi fergħat tal-bank tal-familja Medici sfaxxaw minħabba selfiet ħżiena, u fl-aħħar snin ta’ ħajtu ltaqa’ ma’ diffikultajiet finanzjarji u kellu jdur għall-approprjazzjoni indebita ta’ fondi statali u ta’ fondi fiduċjarji.

Lejn l-aħħar ħajjet Lorenzo, Firenze kienet taħt l-influwenza ta’ Savonarola, li kien jemmen li l-Kristjani kienu qorbu wisq mal-kultura Griega-Rumana. Lorenzo kellu rwol x’jaqdi fir-rigward ta’ Savonarola f’Firenze.[35]

Lorenzo miet matul il-lejla tat-8 ta’ April 1492, fil-villa ta’ Careggi li kienet ilha tal-familja Medici għal żmien twil.[36] Savonarola żar lil Lorenzo fis-sodda tal-mewt tiegħu. L-għajdut li Savonarola xtaq id-deni lil Lorenzo fis-sodda ta’ mewtu ġie rrifjutat fil-ktieb ta’ Roberto Ridolfi Vita di Girolamo Savonarola (Il-Ħajja ta’ Girolamo Savonarola). Minn ittri li nkitbu minn dawk li kienu xhieda għall-mewt ta’ Lorenzo jidher li huwa miet fil-paċi wara li sema’ l-Vanġelu tal-ġurnata.[37] Bosta sinjali u twiddib li kien se jiġri xi ħaġa ħażina ssemmew li seħħew fil-mument meta miet, fosthom li l-koppla tal-Katidral ta’ Firenze ntlaqtet mis-sajjetti, li dehru xi fatati, u li l-iljuni li kien hemm f’Via Leone bdew jiġġieldu ma’ xulxin.[38]

Is-Signoria u l-kunsilli ta’ Firenze ħarġu digriet li kien jgħid:

Billi l-iktar raġel importanti tal-belt kollha, Lorenzo de' Medici, li miet dan l-aħħar, tul ħajtu kollha ma tilef l-ebda opportunità biex jipproteġi, iżid, isebbaħ u jtejjeb isem din il-belt, iżda anzi kien dejjem lest bil-kunsill u bl-awtorità tiegħu bla heda, bil-ħsieb u bl-azzjoni; u qatt ma qagħad lura lanqas quddiem l-għawġ u l-periklu għall-ġid tal-istat u għal-libertà tagħha..... deher li huwa ġust għas-Senat u għall-poplu ta’ Firenze.... li jiġi stabbilit mafkar pubbliku li jagħti ġieħ lill-memorja ta’ raġel uniku bħalu, sabiex għemilu jingħata ġieħ fost iċ-ċittadini ta’ Firenze, u fil-futur ċittadini oħra jkunu jistgħu jiġu inċitati biex għemilhom iservi għall-ġid komuni bis-setgħa u bl-għerf.[39]

Ritratt ta’ Lorenzo de' Medici wara mewtu ta’ Giorgio Vasari (is-seklu 16)

Lorenzo ġie midfun maġenb ħuh Giuliano fil-Knisja ta’ San Lawrenz fis-sarkofagu aħmar tal-porfirju ddisinjat għal Piero u Giovanni de' Medici, u mhux kif jista’ jkun mistenni, fis-Sagristija l-Ġdida, iddisinjata minn Michelangelo. Din tal-aħħar fiha ż-żewġ oqbra monumentali ta’ Lorenzo u Giuliano oħrajn mhux dawk l-iktar magħrufa: Lorenzo, id-Duka ta’ Urbino, u Giuliano, id-Duka ta’ Nemours. Skont Williamson u oħrajn, l-istatwi ta’ dawn tal-aħħar ġew imnaqqxin minn Michelangelo biex jinkorpora l-essenza tal-Lorenzo u Giuliano l-iktar magħrufa. Fl-1559, il-katavri ta’ Lorenzo de' Medici (“il-Manjifiku”) u ta’ ħuh Giuliano tpoġġew fis-Sagristija l-Ġdida f’qabar mhux immarkat taħt l-istatwa tal-Madonna magħmula minn Michelangelo.[40]

L-eredi ta’ Lorenzo kien ibnu l-kbir, Piero di Lorenzo de' Medici, magħruf bħala “Piero l-Isfortunat”. Fl-1494, berbaq il-patrimonju ta’ missieru u l-familja Medici ma baqgħetx tiggverna f’Firenze. It-tieni iben tiegħu, Giovanni, li sar il-Papa Ljun X, reġa’ ħa l-belt f’idejh fl-1512 bl-għajnuna tal-armata Spanjola.[41] Fl-1531, in-neputi ta’ Lorenzo Giulio di Giuliano – li Lorenzo kien rabba bħala ibnu, u li iktar ’il quddiem sar il-Papa Klementi VII – ifformalizza t-tmexxija tal-familja Medici f’Firenze billi stabbilixxa lil Alessandro de' Medici bħala l-ewwel duka ereditarju tal-belt.[42]

Kultura popolari

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Lorenzo de' Medici jidher bħala adolexxenti f’Leonardo tas-CBBC, ħadem fir-rwol tiegħu l-attur Colin Ryan.[43]
  • Lorenzo de' Medici jidher bħala karattru ta’ appoġġ għall-protagonista, Ezio Auditore da Firenze, wara li jħarbtu l-pjanijiet ta’ dawk li riedu jwettqu l-konfoffa tal-familja Pazzi f’Assassin's Creed II.[44]
  • Lorenzo de' Medici huwa maħdum minn Elliot Cowan fis-sensiela televiżiva tal-2013 Da Vinci's Demons.[45]
  • Lorenzo de' Medici huwa maħdum minn Daniel Sharman fis-sensiela televiżiva Medici: The Magnificent.[46]
  • Lorenzo de' Medici jissemma f’referenza fl-episodju tal-2001 ta’ The Simpsons, "A Hunka Hunka Burns in Love". Is-Sur Burns ikellem lil Homer fuq it-telefon u jinformah li se jordna pizza u jistaqsih x’ingredjenti jrid fuqha. Meta Homer jistaqsih għal iktar ġobon, is-Sur Burns jgħidlu “Min qed taħsibni, Lorenzo de Medici?”.[47]
  1. ^ "MEDICI, Lorenzo de', detto il Magnifico in "Enciclopedia Italiana"". www.treccani.it (bit-Taljan). Miġbur 2021-05-04.
  2. ^ Parks, Tim (2008). "Medici Money: Banking, Metaphysics, and Art in Fifteenth-Century Florence". The Art Book. New York: W.W. Norton & Co. 12 (4): 288. ISBN 9781847656872.
  3. ^ "100 Leaders". web.archive.org. 2014-09-27. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-09-27. Miġbur 2021-05-04.
  4. ^ Kent, F. W. (28 December 2006). Lorenzo De' Medici and the Art of Magnificence. Renaissance and Reformation / Renaissance et Réforme. 27. USA: JHU Press. pp. 110-112. ISBN 0-8018-8627-9.
  5. ^ Brucker, Gene (21 March 2005). Living on the Edge in Leonardo's Florence. Berkeley: University of California Press. pp. 14-15. ISBN 9780520930995.
  6. ^ a b Hugh Ross Williamson, Lorenzo the Magnificent, Michael Joseph, (1974), ISBN 07181 12040.
  7. ^ Milligan, Gerry (26 August 2011). "Lucrezia Tornabuoni". Renaissance and Reformation. Oxford Bibliographies. Oxford University Press. ISBN 9780195399301.
  8. ^ Hugh Ross Williamson, p. 67.
  9. ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 110.
  10. ^ Davie, Mark (1989). "Luigi Pulci's Stanze per la Giostra: Verse and Prose Accounts of a Florentine Joust of 1469". Italian Studies. 44 (1): 41–58.
  11. ^ Machiavelli, Niccolò (1906). The Florentine History. 2. London: Archibald Constable and Co. Limited. p. 169.
  12. ^ Poliziano, Angelo (1993). The Stanze of Angelo Poliziano. University Park, Pa.: Pennsylvania State University Press. p. 10. ISBN 0271009373.
  13. ^ Christopher Hibbert, il-kapitlu 9
  14. ^ Niccolò Machiavelli, History of Florence, il-Ktieb VIII, Kap. 7.
  15. ^ Hugh Ross Williamson, p. 70.
  16. ^ Janet Ross. "Florentine Palaces & Their Stories" (2016). p. 250.
  17. ^ Walter, Ingeborg (2013). "Lorenzo der Prächtige: Mäzen, Schöngeist und Tyrann" [Lorenzo the Magnificent: Patron, Aesthete and Tyrant]. Damals (in German). Vol. 45 no. 3. p. 32.
  18. ^ a b Reinhardt, Volker (2013). "Die langsame Aushöhlung der Republik" [The Slow and Steady Erosion of the Republic]. Damals (in German). Vol. 45 no. 3. pp. 16–23.
  19. ^ Guicciardini, Francesco (1964). History of Italy and History of Florence. New York: Twayne Publishers. p. 8.
  20. ^ a b ċ Thompson, Bard (1996). Humanists and Reformers: A History of the Renaissance and Reformation. William B. Eerdmans Publishing Company. pp. 189 ff. ISBN 0-8028-6348-5.
  21. ^ Jensen, De Lamar (1992). Renaissance Europe: Age of Recovery and Reconciliation. Lexington, Mass: D.C. Heath and Company. p. 80.
  22. ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 125.
  23. ^ Hancock, Lee (2005). Lorenzo de' Medici: Florence's Great Leader and Patron of the Arts. The Rosen Publishing Group, Inc. p. 57. ISBN 1-4042-0315-X.
  24. ^ Martines, Lauro (2003). April Blood: Florence and the Plot Against the Medici. Oxford University Press.
  25. ^ Inalcik, Halil (2000). The Ottoman Empire: The Classical Age 1300–1600. London: Orion Publishing Group. p. 135. ISBN 978-1-84212-442-0.
  26. ^ de Roover, Raymond (1963). The Rise and Decline of the Medici Bank, 1397–1494. Harvard University Press. pp. 152–154.
  27. ^ Machiavelli, Niccolò (1906). The Florentine History. 2. London: Archibald Constable and Co. Limited. pp. 197–198.
  28. ^ Durant, Will (1953). The Renaissance. The Story of Civilization. 5. New York: Simon and Schuster. p. 112.
  29. ^ "La Poesia di Lorenzo di Medici | The Poetry of Lorenzo di Medici- Lydia Ugolini; Lecture (1985)".
  30. ^ a b Schmidt, Eike D. (2013). "Mäzene auf den Spuren der Antike" [Patrons in the footsteps of Antiquity]. Damals (in German). 45 (3): 36–43.
  31. ^ Brucker, G., ed. (1971). The Society of Renaissance Florence: A Documentary Study. New York: Harper & Row. p. 27.
  32. ^ a b ċ d e Tomas, Natalie R. (2003). The Medici Women: Gender and Power in Renaissance Florence. Aldershot: Ashgate. pp. 7, 21, 25. ISBN 0754607771.
  33. ^ J.N.D. Kelly, The Oxford Dictionary of Popes (Oxford 1986), p. 256.
  34. ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: Pope Clement VII". www.newadvent.org. Miġbur 2021-05-04.
  35. ^ Donald Weinstein, Savonarola: The Rise and Fall of a Renaissance Prophet (New Haven, 2011) Kap. 5: The Magnificent Lorenzo.
  36. ^ Cuvier, Georges (24 October 2019). Cuvier's History of the Natural Sciences: Nineteen lessons from the Sixteenth and Seventeenth Centuries. Publications scientifiques du Muséum. p. 474. ISBN 9782856538739.
  37. ^ Drees, Clayton J. (2001). The Late Medieval Age of Crisis and Renewal, 1300-1500: A Biographical Dictionary. Greenwood Publishing Group. p. 347. ISBN 9780313305887.
  38. ^ Hugh Ross Williamson, p. 268.
  39. ^ Williamson, pp. 268-269.
  40. ^ Hugh Ross Williamson, p. 270-280.
  41. ^ "HISTORY OF THE MEDICI". www.historyworld.net. Miġbur 2021-05-04.
  42. ^ Wirth, Nikolaus (2007-12-09). "Alessandro de' Medici (1510-1537) •" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
  43. ^ "BBC - Press Office - Leonardo: Colin Ryan". www.bbc.co.uk. Miġbur 2021-05-04.
  44. ^ Kelly, Andy (2017-03-09). "Revisiting the renaissance with Assassin's Creed 2" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
  45. ^ Truitt, Brian. "Who's who in 'Da Vinci's Demons' Season 2". USA TODAY (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
  46. ^ Clarke, Stewart; Clarke, Stewart (2017-08-10). "Daniel Sharman and Bradley James Join Netflix's 'Medici' (EXCLUSIVE)" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-05-04.
  47. ^ "Quotes from "The Simpsons: A Hunka Hunka Burns in Love"". IMDb. Miġbur 2021-05-04.